|
|
|
|
DATI IMPORTANTI FL-ISTORJA TAS-SOĊJETA'
Ġunju1898 – Fetaħ il-każin tal-Banda taħt l-isem tal-Gran Maestro Fra Antonio De Paula. Dan ħabbrek ħafna għalih il-Kjeriku Dun Karm Bologna. Awwissu 1900 – Il-Banda De Paula kellha l-każin tagħha quddiem il-għajn fi Pjazza Paula, fejn illum hemm il-każin tal-Hibernians F.C. Is-Soċjeta’ damet f’dan il-każin xi sentejn jew tlieta. 19 ta’ Awwissu 1900 – Il-banda għamlet marċ mat-toroq ewlenin ta’ Raħal Ġdid. Kienet laqgħet u akkumpanjat lill-Istatwa artistika ta’ Santa Ubaldeska, xogħol ta’ Karlu Darmanin. Għal żmien mhux magħruf – Għal xi ftit taż-żmien il-banda kellha tieqaf u meta reġgħet għat-tieni darba qamet fuq saqajha kien biex terġa’ tistrieħ wara żmien qasir. Ġunju 1910 – L-entużjazmu li ġab miegħu t-twaqqif ta’ Raħal Ġdid bħala Parroċċa għalih ħeġġeġ lill-fundaturi tal-Banda biex jerġgħu jqajmuha fuq saqajha. Hekk għamlu u l-każin reġgħa nfetaħ bl-istess isem li kien ingħata fl-1898. 10 ta’ Awwissu 1910 – B’din id-data ħdejn isimhom nsibu l-ismijiet tal-fundaturi tal-każin li kienu Salvatore Carabott, Luigi Galea, Vittorio Pace, Emmanule Grech, Ernesto Cutajar, Ernesto Bajo, Antoino Pace u Enrico Sant. 1 ta’ Jannar 1911 – Il-banda esewgwiet l-ewwel programm tagħha wara l-qawmien mill-ġdid. Dan sar fi Pjazza Paula. 11 ta’ Jannar 1914 – Ġie inawgurat każin ġdid (Circolo) f’numru 44, Pjazza Paula. Awwissu 1916 – Il-Banda ħadet sehem f’meeting tat-Tieni Anniversarju tal-Gwerra l-Kbira f’tarf il-Fosos tal-Furjana. Novembru 1918 – Il-Banda għamlet il-marċ tar-Rebħa u ta’ Ferħ biex tiċċelebra tmiem l-Ewwel Gwerra Dinjija. Isem is-Soċjeta’ – Kien: Circolo e Filarmonica G.M. De Paula, Casal Paula. 1919 – 1920 – Is-Soċjeta’ ħadet sehem fl-Assemblea Nazzjonali li kellha l-iskop li tħejji abbozz ta’ Kostituzzjoni Ġdida ghal pajjiżna. Waqt din l-Assemblea s-Soċjeta’ ħadmet bla heda favur il-ħaddiem, l-Ilsien Malti u r-Reliġjon Kattolika, Appostolika, Rumana. Il-Ħamis 26 ta’ Awwissu 1920 – Biss saħħa ta’ l-intervent tal-President tagħha Antonio Nicholas, s-Soċjeta’ rnexxiela ddaħħal l-użu ta’ l-Ilsien Malti fil-Parlament fl-abbozz tal-Kostituzzjoni Ġdida għal pajjiżna. 1920 – Biex ikabbar il-Festa Titulari tal-Qalb ta’ Ġesu’ l-Kumitat tas-Soċjeta’ ddeċieda li jibda jagħmel marċ filgħodu. Jannar 1921 – Il-Kumitat tas-Soċjeta’ waqqaf il-Kumitat tal-Festa u beda jorganizza l-festi ta’ barra bit-Titular tal-Qalb ta’ Ġesu’. Kien żmien meta l-banda kienet tmur idoqq f’ħafna festi Maltin. 1922 – Is-Soċjeta’ għamlet Bandiera Maltija. Fiha kien hemm l-arma taċ-Circolo. Novembru 1922 – Is-Soċjeta’ applikat għal banka tal-Lotto. Ħadd il-Għid 1 ta’ April 1923 – Is-Soċjeta’ u l-banda tagħha ħadu sehem fil-korteo li sar biex jitqiegħed salib fejn kellha tinbena l-Knisja Parrokkjali Ġdida ta’ Raħal Ġdid. Il-Banda għamlet marċ. 24 ta’ Frar 1924 – Il-Banda hadet sehem fiċ-ċerimonja tat-tqegħid ta’ l-ewwel ġebla tal-Knisja Parrokkjali l-ġdida ta’ Raħal Ġdid. 1932 – Fil-Festa ta’ Corpus, Il-Banda ħadet sehem billi daqqet innijiet lill-Qalb ta’ Ġesu’. Ġunju 1933 – Biex il-Festa Titulari tal-Qalb ta’ Ġesu’ tkompli tikber, is-Soċjeta’ ddeċidiet li lejliet din il-festa jibda jsir marċ mat-toroq ta’ Raħal Ġdid. 1 ta’ April 1934 – Is-Soċjeta’ inawgurat ic-Circolo (Każin) ġdid tagħha f’numri 23 u 24 Pjazza Paula u ġiet ikkonsagrata lill-Qalb Imqaddsa ta’ Ġesu’. Awwissu 1937 – Fil-ħidma tagħha favur it-tixrid tal-Kultura Maltija s-Soċjeta’ żanżnet bandiera ġdida b’kitba bil-Malti li għal dak iż-żmien ma kienetx ħaġa komuni. Mejju 1938 – Il-Banda żanżnet uniformi ġdida rregalata mis-Sur Gio Batta Cesare. Din l-uniformi kienet bajda. 22 ta’ Mejju 1938 (Il-Ħadd) – Il-Banda kienet l-ewwel Banda wara l-King’s Own li daqqet l-Innu Malti. Dan sar fil-misraħ ewlieni tar-raħal. 1940 – Minħabba t-Tieni Gwerra Dinjija, il-Każin kellu jagħlaq għal ftit taż-żmien. 1942 – Il-Każin tal-Banda ntlaqat sew bil-bombi. Mejju 1942 – Is-Soċjeta’ kriet dar ohra f’numru 1, Tarxien Road, Raħal Ġdid, b’kera ta £60 fis-sena. 15 ta’ Mejju 1945 – Sar il-Marċ tar-Rebħa mill-Banda De Paule fi tmien it-Tieni Gwerra Dinija. 1945 – Iżanżnet l-istatwa ta’ Kristu Re, xogħol ta’ Toni Farrugia. Din iddawret mat-toroq ta’ Raħal Ġdid akkumpjata mill-Banda De Paule. 21 ta’ April 1946 – L-Arċisqof Mikiel Gonzi inawgura u bierek il-Każin li għadu jintuża sallum. Fis-snin disgħin sar xogħol ta’ manutenzjoni f’dan il-każin. Ottubru 1947 – Is-Soċjeta’ ħadet sehem fit-twaqqif tal-Malta Band Clubs Association. Ottubru 1951 – Il-Kumitat iddeċieda li jsir marċ filgħodu nhar il-festa ta’ Kristu Re. Mejju 1953 – Il-Banda ħadet sehem fi-isfilata tal-baned u għamlet programm fil-festi li saru ghall-Inkurunazzjoni tar-Regina Elizabetta II. 1958 – Nhar il-Festa ta’ Kristu Re, is-Soċjeta’ żanżnet u bierket Arkivju tal-Mużika. Il-Ħadd 13 ta’ Diċembru 1959 – Il-Banda De Paule għamlet marċ fl-okkażjoni tat-tlugħ tas-salib ta’ l-irħam fuq il-koppla tal-Knisja Parrokkjali. Dan kien ifisser li l-bini ta’ din l-akbar Knisja f’Malta kien lest. April 1960 – Il-Banda De Paule għamlet marċ fl-okkażjoni ta’ Jum il-Parroċċa u f’għeluq il-25 sena minn meta l-Knisja l-ġdida bdiet tintuża bħala Parroċċa. Lulju 1960 – Il-50 Anniversarju tat-Twaqqif tal-Parroċċa. Il-50 Anniversarju tal-Qawmien mill-ġdid tas-Soċjeta’. Il-Parroċċa u s-Soċjeta’ ċċelebraw dawn iż-żewg ġrajjiet bi programm wieħed li fasslu flimkien. 1971 – Is-Soċjeta’ De Paule tat l-għajnuna tagħha biex sar żvillup kbir fil-purċissjoni tal-Ġimgħa l-Kbira. Il-Banda kompliet tieħu sehem f’din il-purċissjoni. 1973 - Il-Banda De Paule bdiet tieħu sehem fil-purċissjoni ta’ Kristu Rxoxt. 1985 – Is-Soċjeta’ ċċelebrat bil-kbir il-75 Anniversarju tal-qawmien tagħha mill-ġdid li kien sar fl-1910. Lulju 1986 – Iżanżnet il-Bandalora ġdida tas-Soċjeta’. Kien is-Sur Ninu Attard li ħeġġeġ lil membri oħra tas-Soċjeta’ biex saret din l-opra tant sabiħa. Id-disinn tal-bandolara sar mis-Sur J. Caruana u x-xogħol sar mis-Sinjura Anna Giordemaina. L-Innu ddedikat lill-bandalora ġie miktub mis-Sur Sunny Aquilina filwaqt li l-marċ “Il-Bandalora” huwa kompożizzjoni tas-Surmast Andrew Coleiro. 23 ta’ Lulju 1986 – Sar il-kxif tal-pittura ta’ Kristu Re, xogħol tas-Sur Frank Boffa. Din il-pittura u l-gwarniċun ġew regalati lis-Soċjeta’ mill-President u s-Sinjura J. Boffa. 15 ta’ Jannar 1988 – Jum storiku ghall-Banda De Paule. Hija kisbet l-Ewwel Premju fil-Konkors Nazzjonali tal-Baned Maltin. 1991 – Eżatt wara l-Festa Titulari twaqqfet il-Kummissjoni Żgħażagħ fi ħdan is-Soċjeta’. Din il-Kummissjoni, li kienet magħmula minn sitta min-nies, bdiet taħdem immedjatament. Is-Sibt 24 ta’ Ottubru 1992 – Sar l-ewwel Kunċert Annwali tas-Soċjeta’. Dan il-Kunċert taħt id-direzzjoni ta’ Mro. Carmelo Caruana sar fl-Istitut Kattoliku l-Furjana. Dan l-avveniment annwali għadu jsir sallum u s’issa sar f’teatri, swali jew lukandi prestiġjużi. Il-Ħadd 17 ta’ Jannar 1993 – F’Laqgħa Straordinarja tas-Soċjeta’ ġie deċiż li l-Banda tas-Soċjeta’ tiġi ddedikata lill-Patrun ta’ Raħal Ġdid – KRISTU RE. B’hekk l-isem uffiċjali tas-Soċjeta’ sar: SOĊJETA’ FILARMONIKA GRAN MASTRU FRA ANTOINE DE PAULE, BANDA KRISTU RE. It-Tnejn 19 ta’ Lulju 1993 – Iżżanżnet bandiera bl-arma l-ġdida tas-Soċjeta’. Din fuqha kien hemm żewġ stemmi – dik ta’ Kristu Re u l-oħra ta’ De Paule. 17 ta’ Diċembru 1993 – Il-Banda Kristu Re kisbet it-tieni post fost is-sittax li ħadu sehem fil-Konkors Nazzjonali tal-baned organizzat mid-Dipartiment tal-Kultura. 22 ta’ Novembru 1994 – Ġurnata storika oħra. Il-Banda Kristu Re kisbet l-ewwel post fil-Kategorija A, fl-International Brass and Woodwind Festival li kien organizzat fit-Teatru Manoel. 25 ta’ Awwissu 1995 – Il-Banda Kristu Re ħadet sehem f’Jum Paola. 1995 – Minn din is-sena l-Banda Kristu Re bdiet iżżur bosta pajjiżi barranin fosthom il-Kanada, l-Istati Uniti, l-Awstrija, l-Ungerija, l-Ġermanja u Franza. 1996 – Il-Kummissjoni Żgħażagħ fi ħdan is-Soċjeta’ fakkret il-ħames snin ta’ suċċessi mit-twaqqif tagħha. 16 ta’ Frar 1997 – Il-Kummissjoni Żgħażagħ saret tifforma parti minn sezzjoni ġdida bl-isem ta’ Partitarji De Paule li ġiet inawgurata uffiċjalment fl-Laqgħa Ġenerali tas-Soċjeta’. 1997 – Twaqqfet il-Kummissjoni Festi Ċentinarji biex tħejji u torganizza ċ-ċelebrazzjonijiet li fakkru il-100 sena minn meta fetaħ għall-ewwel darba l-Każin tal-Banda Gran Maestro De Paule. Is-Sur Frank Boffa ddisinja l-logo għal dan iċ-ċentinarju. Wara ċ-ċelebrazzjonijiet din il-Kummissjoni bdiet tissejjaħ Kummissjoni Kultura. Il-Ħadd 23 ta’ Novembru 1997 – Il-Ftuħ tal-Festi Ċentinarji tas-Soċjeta’ – Il-Kunċert Annwali ta’ din is-sena fetaħ il-festi ċentinarju tas-Soċjeta’. Dan il-Kunċert sar fil-Lukanda San Ġorġ Corinthia, San Ġiljan. Dawn il-festi kienu mifruxa tul is-sena 1998. 31 ta’ Mejju 1998 – Festi Ċentinarji - Sar Kunċert taz-żgħażagħ fil-Paola Youth Centre. 5 ta’ Gunju 1998 – Festi Ċentinarji – Sar spettaklu grandjuż fil-Pjazza ta’ Raħal Ġdid. 14 ta’ Lulju 1998 – Festi Ċentinarji – Quddiesa ta’ Radd il-Ħajr fil-Knisja Parrokkjali ta’ Kristu Re. Daqqet il-Banda Kristu Re. 18 ta’ Lulju 1998 – Festi Ċentinarji – Sar il-kxif ta’ rħama kommemorattiva fil-Każin mill-President ta' Malta, l-E.T. Dr. Ugo Mifsud Bonnici. Is-Sibt 25 ta’ Lulju 1998 – Festi Ċentinarji – Lejliet il-Festa Titulari ta’ Kristu Re s-sezzjoni Partitarji De Paule rregalat lis-Soċjeta’, statwa artistika ta’ Kristu Re maħduma fl-injam mill-istatwarju Alfred Camilleri Cauchi bħala tifkira taċ-Ċentinarju. Aktar tard din l-istatwa ġiet iddekorat b’sena kbira mis-Sur Horace Farrugia. 10 ta’ Ottubru 1998 – Festi Ċentinarji – Saret Akkademja Mużiko Letterarja b’rabta ma’ l-istorja tas-Soċjeta’. 6 ta’ Novembru – Festi Ċentinarji – Saret Quddiesa funebri għal ruħ il-membri, benefatturi u dawk kollha li kellhom x’jaqsmu mas-Soċjeta’ matul il-100 sena tal-ħajja tagħha. Daqqet il-Banda Kristu Re. 21 ta’ Novembru 1998 (Is-Sibt) – Festi Ċentinarji – Il-Banda Kristu Re daqqet fil-Belt Valletta fil-festa ta’ Santa Cecilia, patruna tal-mużiċisti wara li ħadet sehem fil-quddiesa konċelebrata minn Mons. Arċisqof Gużeppi Mercieca fi Kon-Kattidral ta’ San Gwann. Il-Ħadd 22 ta’ Novembru 1998 – Għeluq il-Festi Ċentinarji – Sar il-Kunċert Annwali fl-Istitut Kattoliku, l-Furjana. L-Erbgħa 30 ta’ Diċembru 1998 – Sar l-ewwel Home Concert fis-sala prinċipali tal-każin. Dan kien sar għall-okkazjoni tal-Milied. Il-Home Concerts għadhom isiru sallum f’okkażjonijiet differenti. Il-Ħamis 1 ta’ Lulju 1999 – L-Iskola tal-Mużika tas-Soċjeta’ ġiet strutturata mill-ġdid. Twaqqaf Bord tat-Tmexxijja u l-Iskola giet msemmijja għal-Kjeriku Dun Karm Bologna li aktar minn 100 sena qabel ġabar l-ewwel studenti fid-dar tiegħu stess. 29 ta’ Settembru 1999 – Il-Banda Kristu Re għamlet kunċert fil-Mużew Marittimu l-Birgu fl-okkażjoni tal XIV European Sports Conference. Fost dawk preżenti kien hemm l-E.T. Juan Antonio Samaranch, President tal-Kumitat Olimpiku Internazzjonali. It-Tlieta 16 ta’ Novembru 1999 – Wasla tal-Vara Titulari ta’ Kristu Re – Il-Banda Kristu Re ħadet sehem fil-pellegrinaġġ li sar mill-Knisja Parrokkjali ta’ Ħal-Tarxien sal-Knisja Parrokkjali ta’ Raħal Ġdid bl-Istatwa Titulari ta’ Kristu Re. Is-Sibt 11 ta’ Diċembru 1999 - Il-Banda ħadet sehem fil-festi li saru biex ifakkru il-25 Anniversarju minn meta Malta saret Repubblika. Il-Banda daqqet f’marċ fi Triq ir-Repubblika li kien ukoll parti mill-festi tal-Millenju organizzati mill-Kumitat Nazzjonali għal dawn il-festi. Jannar 2000 – Kummissjoni Nazzjonali tal-Folkor - Tiżjin tal-Milied 1999. Is-Soċjeta’ De Paule rebħet it-tieni post għall-armar tat-Triq Bormla. Il-Ħamis 6 ta’ Jannar 2000 – Ġie inawgurat Pjanu ‘Baby Grand’ ġdid b’Inanguration Concert fis-sala prinċipali tal-każin. 4 – 12 ta’ Ġunju 2000 – Festi tal-Millenju – De Paule 2000 – Is-Soċjeta’ De Paule, bil-kollaborazzjoni tal-Kumitat Nazzjonali għaċ-Ċelebrazzjonijiet tal-Millenju organizzat attivitajiet memorabbli biex ifakkru din il-ġrajja. 2000 – Is-Soċjeta’ iċċelebrat il-75 Anniversarju tat-twaqqif tal-Festa Liturġika ta’ Kristu Re mill-Papa Piju IX bi kxif ta’ rħama kommemorattiva fil-każin u żewġ kunċerti, wieħed minnhom dak annwali. Is-Sibt 19 ta’ Mejju 2001 – F’għeluq il-100 sena mill-mewt ta’ Guiseppe Verdi is-Soċjeta’ De Paule fakkret dan il-kompożitur b’kunċert ta’ mużika verdjana li sar fil-Fortress Hall ta’ Lukanda Corinthia San Ġorġ, San Ġiljan. 22 – 29 ta’ Lulju 2001 – Is-Soċjeta’ organizzat Festa De Paule 2001. Il-Gimgħa 16 ta’ Novembru 2001 – Il-375 Anniversarju tat-twaqqif ta’ Paola mill-G.M. Fra Antoine De Paule. – Is-Soċjeta’ De Paule fakkret din il-grajja bi kxif ta’ rħama kommerorattiva fil-każin. Iż-żgħażagħ organizzaw Wirja ta’ Standardi fis-sala prinċipali tal-Każin. Is-Sibt 17 ta’ Novembru 2001 – Fl-okkażjoni ta’ dan l-anniversarju u ad unur tal-Gran Mastri Franċiżi li mexxew Malta, sar Kunċert mill-Banda Kristu Re f’La Valette Hall, Mediterrenean Conference Centre Valletta. Dan il-kunċert sar flimkien ma l-Ambaxxata Franċiża f’Malta. Jannar 2002 – Kummissjoni Nazzjonali tal-Folkor - Tiżjin tal-Milied 2001. Is-Soċjeta’ De Paule rebħet l-ewwel premju ghat-tiżjin tal-faċċati tal-każini. 11 ta’ Lulju 2002 – Ġie iffirmat il-ftehim bejn il-Parroċċa, is-Soċjeta’ De Paule u l-Għaqda Żgħażagħ Pawlisti biex il-Festa Titulari ta’ Kristu Re tkun tista ssir. Il-Ħadd 14 ta’ Lulju 2002 – Il-Banda Kristu Re daqqet waqt ċ-ċerimonja li saret fil-Jum Nazzjonali ta’ Franza. Dan il-kunċert sar fuq stedina tal-Ambaxxata Franċiża f’Malta. Il-Ġimgħa 19 ta’ Lulju 2002 - Il-Banda Kristu Re daqqet fil ftuħ ufffiċjali tal-Multipurpose Sport Hall f’Tal-Qroqq wara stedina tal-Ministeru għall-Isport, l-On. Jesmond Mugliett. Jannar 2003 – Kummissjoni Nazzjonali tal-Folkor - Tiżjin tal-Milied 2002. Is-Soċjeta’ rebħet it-tieni premju għat-tiżjin tal-faċċati tal-każini. Is-Sibt 10 ta’ Mejju 2003 – Il-Banda Kristu Re ħadet sehem f’parata taż-żfin fil-Belt Valletta fl-okkażjoni tal-Jum Dinji taż-Żfin. Dan sar fuq stedina mid-Dance Council ta’ Malta. Is-Sibt 19 ta’ Lulju 2003 – Ġie organizzat programm biex s-Soċjeta’ tilqa mill-ġdid fi ħdana l-istatwa ta’ Kristu Re wara li din ġiet iddekorata u ndurata b’ħila kbira mis-Sur Horace Farrugia. Fl-entrata tal-każin inkixfet irħama li tfakkar ġrajjiet importanti marbutin ma’ din l-istatwa. 23 ta’ Lulju 2003 – Il-Familja Ferris regalaw lis-Soċjeta’ pittura ġdida tal-G.M. Fra Antoine De Paule, xogħol tal-artist is-Sur David Borg. Jannar 2004 – Kummissjoni Nazzjonali tal-Folklor - Tiżjin tal-Milied 2003. Is-Soċjeta’ rebħet : a) l-ewwel premju għat-tiżjin tal-faċċati tal-każini; b) it-tielet post għat-tiżjin tat-toroq kummerċjali – Triq Bormla. Il-Ħadd 25 ta’ April 2004 – Il-Kumitat Nazzjonali għaċ-Ċelebrazzjonijiet tad-dħul ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea stieden lis-Soċjeta’ biex tieħu sehem uffiċjali f’dawn iċ-ċelebrazzjonijiet. B’dan il-għan, taħt tinda kbira armata f’nofs il-pjazza prinċipali ta’ Raħal Ġdid sar kunċert mill-Banda Kristu Re. Jannar 2005 – Kummissjoni Nazzjonali tal-Folkor – Tiżjin tal-Milied 2004. Is-Soċjeta’ rebħet l-ewwel premju għat-tiżjin tal-faċċati tal-każini. Il-Ħadd 10 ta’ April 2005 – Ġie approvat l-Istatut tas-Soċjeta’ Fil. G.M. Fra Antoine De Paule – Banda Kristu Re wara li kien ġie aġġornat biex ikun aktar rilevanti għal ħajja tas-Soċjeta’ fiż-żmenijiet tal-llum. 18-19-20 ta’ Lulju 2005 – Saru attivitajiet fl-okkażjoni ta’ Jum il-Fondazzjoni tas-Soċjeta’. Il-Ħamis 22 ta’ Diċembru 2005 – Il-Banda taż-Żghażagħ tas-Soċjeta’ esegwiet Kunċert tal-Milied f’Misraħ il-Ħelsien il-Belt Valletta u fil-Valletta Waterfront. Dan sar fuq stedina mill-Kummissjoni Nazzjonali tal-Folkor. 2006 – Kummissjoni Nazzjonali tal-Folkor – Tiżjin tal-Milied 2005. Is-Soċjeta’ De Paule rebħet l-ewwel premju għat-tiżjin tal-faċċati tal-każini. Il-Ħadd 4 ta’ Ġunju 2006 – Wara marċ qasir fil-pjazza Antoine De Paule, l-Banda Kristu Re laqgħet lill-Kappillan il-ġdid, il-Kan. Dun Vincenz Cachia quddiem il-dar parrokkjali u akkumpanjatu sal-Knisja Parrokkjali ta’ Kristu Re. Il-Ħadd 25 ta’ Gunju 2006 – Reġgħet bdiet issir il-Konsagrazzjoni tas-Soċjeta’ lill-Qalb Imqaddsa ta’ Ġesu’. Din saret flimkien mat-tberik tas-Soċjeta’ fl-okkażjoni ta’ Jum Il-Fondazzjoni. Il-Ġimgħa 20 ta’ Lulju 2006 – Saret l-inawgurazzjoni tat-tiżjin ġdid mal-faċċata tal-Każin De Paule, xogħol mis-Sur Redrian Micallef – Chairman tal-Kummissjoni Żgħażagħ De Paule. Jannar 2007 – Kummissjoni Nazzjonali tal-Folkor – Tiżjin tal-Milied 2006. Is-Soċjeta’ De Paule rebħet: a) l-ewwel premju għat-tiżjin tal-faċċati tal-każini; b) l-ewwel premju għat-tiżjin tat-toroq kummerċjali – Triq Palma; c) it-tieni premju għat-tiżjin tat-toroq kummerċjali – il-parti f’isfel tal-Pjazza Antoine De Paule. Is-Sibt 23 ta’ Ġunju 2007 – Saret żjara ta’ kortesija lill-E.T. Il-President ta’ Malta, Dr. Edward Fenech Adami fil-Palazz ta’ San Anton. Is-Sibt 22 ta’ Diċembru 2007 – Bejn is-sitta ta’ filgħaxija u nofs il-lejl sar l-ewwel Milied Imdawwal f’Raħal Ġdid organizzat mis-Soċjeta’. Jannar 2008 – Kummissjoni Nazzjonali tal-Folkor – Tiżjin tal-Milied 2007. Is-Soċjeta’ rebħet: a) it-tieni premju għat-tiżjin tal-faċċati tal-każini; b) l-ewwel premju għat-tiżjin tat-toroq kummerċjali – Pjazza Antoine De Paule – il-parti ta’ fuq; c) it-tieni premju għat-tiżjin tal-toroq kummerċjali - Triq Palma. 2008 – Il-President tas-Soċjeta’ s-Sur Joseph Boffa ġie mogħni bl-onorefiċenza ‘Ġieħ Paola 2008’ mill-Kunsill Lokali Paola. Il-Ġimgħa 25 ta’ April 2008 – Il-Banda Kristu Re ħadet sehem fil-Lelja Kulturali li ttellgħet fl-Iskola Sekondarja Ġuze’ D’Amato biex tfakkar il-Ħamsin Anniversarju ta’ din l-iskola. 19-20-21-22 ta’ Ġunju 2008 – Jum il-Fondazzjoni tas-Soċjeta’. Ġie mfakkar il-110 Anniversarju tat-twaqqif tas-Soċeta’ b’attivitajiet li kienu mifruxa fuq erbat ijiem. Is-Sibt 21 ta’ Ġunju 2008 – Ġiet inawgurata pittura ġdida fis-saqaf ta’ l-entratura tal-każin, xogħol tal-artist Għawdxi s-Sur Adonai Camilleri Cauchi. Il-Ħadd 27 ta’ Lulju 2008 – Il-marċ tradizzjonali tal-Festa ta’ Kristu Re intemm bit-tlugħ ta’ bandiera ġdida mal-arblu tal-każin De Paule. Bandiera artistika bl-emblema tas-Soċjeta’, xogħol artistiku tal-artist Pawlist is-Sur Redrian Micallef li kienet regelata lis-Soċjeta’ mill-Kummissjoni Żgħażagħ tas-Sezzjoni Partitarji De Paule. Is-Sibt 20 ta’ Diċembru 2008 – Sar it-tieni Milied Imdawwal f’Raħal Ġdid. Jannar 2009 – Ġie iffirmat il-kuntratt bejn is-Soċjeta’ De Paule u s-Sur Reno Sacco biex ikun jista’ jinbeda x-xogħol fuq Arkivju tal-Mużika ġdid, fuq disinn tas-Sur Salvu Bugeja. Frar 2009 – Beda x-xogħol fuq l-Arkivju tal-Mużika mill-Imgħallem Reno Sacco. 7 ta’ April 2009 (It-Tlieta) – Il-Banda Kristu Re, fuq stedina tal-Kappillan il-Kan. Dun Vincenz Cachia ħadet sehem f’Lejla ta’ Riflessjoni li saret għall-ewwel darba fil-Knisja Parrokkjali fl-okkażjoni tal-Ġimgħa Mqaddsa. 2009 – Ittieħed deċizjoni dwar s-sehem tal-Banda Kristu Re fil-festi Ċentinarji tal-Parroċċa. Barra s-solitu sehem li tati fil-Festa Titulari ta’ Kristu Re, il-Banda Kristu Re se ddoqq f’disa okkazjonijiet uffiċjali ta’ dan iċ-Ċentinarju. Il-Ħadd 22 ta’ Novembru 2009 – Ftuħ tal-Festi Ċentinarji tal-Parroċċa - Sar il-Kunċert Annwali din is-sena ddedikat liċ-Ċentinarju tal-Parroċċa. Wara dan il-kunċert, is-Sur Joseph Boffa, President tas-Soċjeta’ ppreżenta r-rigal tas-Soċjeta’ lill-Parroċċa, li jikkonsisti f’kisja tal-fidda fina għall-Missal. Minn naħa tiegħu, il-Kappillan ippreżenta lis-Soċjeta’ t-tifkira uffiċjali taċ-Ċentinarju - Xbiha ta’ Kristu Re – il-Vara Titulari. 17-18-19 ta’ Mejju 2010 – Ir-Relikwa tas-Salib Imqaddes – il-Verulignum –kienet esposta fil-Każin għall-qima ta’ dawk kollha li jiffrekwentaw dan il-post. Saru tlett laqgħat fil-Bar tal-Każin biex iħejju lill-dawk preżenti għal Kungress tax-Xirka tal-Isem Imqaddes t’Alla li kellu jsir fil-Parroċċa Kristu Re, il-Ħadd ta’ wara. Mejju 2010 – Is-Sur Reno Sacco lesta x-xogħol fuq l-Arkivju tal-Mużika tas-Soċjeta’. April-Mejju-Ġunju 2010 – Saret id-dekorazzjoni fis-Sala ta’ l-Arkivju. 21-25 ta’ Ġunju 2010 – L-Arkivju tal-Mużika tqiegħed f’postu f’sala mħejjijja għaliħ. |