Festa 2010
Programm Liturgiku Festi Esterni

 

Up
Festa 2005
Festa 2006
Festa 2007
Festa 2008
Festa 2009
Festa 2010
Festa 2011

 

 

Messaġġ tal-President tas-Soċjeta'

 

ŻEWĠ ĠRAJJIET B'RABTA BEJNIETHOM

 

 

Is-sena ta' ħidma tas-Soċjeta' tagħna tibda ftit wara l-festa titulari tal-Parroċċa u tagħlaq mat-tmiem il-festa titulari tas-sena ta' wara.

Għal bosta snin dawn dejjem kienu tnax il-xahar ta' ħidma bla waqfien għas-sezzjonijiet kollha li jiffurmaw din is-Soċjeta' ewlenija f'Raħal Ġdid. Din is-sena qed naraw żieda qawwija fl-attivitajiet tagħna u dan għaliex matulha qed infakkru żewġ ġrajjiet importanti li huma marbutin flimkien, jiġifieri it-twaqqif  tal-Parroċċa tagħna u l-qawmien mill-ġdid tas-Soċjeta' tagħna li ġraw eżattament mitt sena ilu, jiġifieri fis-sena 1910.

Is-Soċjeta' tagħna minn dejjem kellha għal qalba l-ġid tal-Parroċċa u fl-istorja ta' dawn il-mitt sena nsibu ħafna okkażjonijiet fejn hija tat is-sehem  tagħa  kull meta l-Parroċċa kienet tinħtieġu. Saħansitra 50 sena ilu l-Parroċċa u s-Soċjeta' tagħna fakkru ż-żewġ ġrajjiet fuq imsemmija bi programm li fasslu flimkien.Għalhekk issa ħassejna id-dmir tagħna u unur għalina li noffru is-sehem tagħna biex ngħinu lill-Parroċċa għażiż tagħna tiċċelebra kif jixraq għeluq il-mitt sena tal-ħajja tagħha. Ir-rigal li aħna tajna lill-Parroċċa jiġifieri kisja tal-fidda 925 għall-missal sabiħ huwa l-espressjoni esterna tal-qima kbira li s-Soċjeta' tagħna għandha għall-Kelma t'Alla u r-rispett tagħna lejn il-komunita' Pawlista ddedikata lis-Saltna ta' l-Iben għażiż Tiegħu.

u biex inkomplu nsebbħu ċ-ċelebrazzjonijiet li qed isiru  biex ifakkru dan iċ-ċentinarju aħna qegħdin noffru l-isbaħ talent li għandha is-Soċjeta' jiġifieri l-mużika. Il-membri u l-partitarji tagħna ma baqgħux lura u qed jaħdmu bla heda biex din il-ġrajja tkun tassew memorabbli.

Ta' importanza kbira pero' huwa l-fatt li aħna llkoll inżommu il-ħin kollu quddiem għajnejna l-motto sabiħ taċ-ċentinarju "Kikbru, Niġġeddu, Nissaħħu fi Kristu". Hemm bżonn li nimxu fuq dan il-motto jekk irridu nogħġbu tassew lil-Patrun tagħna Kristu Re.

Il-ġrajja l-oħra li qed infakkru din is-sena għanda rabta ma' dan iċ-Ċentinarju għax kien l-entużjażmu li ġab miegħu t-twaqqif tal-Parroċċa  fost il-poplu Pawlist li ta ħajja ġdida lill-Każin tal-Banda De Paule li kien twaqqaf tnax il-sena qabel. Biex infakkru din il-milja fil-ħajja storika tas-Soċjeta' tagħna qed ninawguraw irħama kommemorattiva bl-ismijiet tal-fundaturi tas-Soċjeta' u Arkivju tal-Mużika artistiku f'sala li ġiet iddedikata għal din l-okkażjoni. Jien nqis li bħala waħda mill-ħidmiet l-aktar importanti tiegħi matul dawn it-28 sena li ilni President ta' dn is-Soċjeta' kienet il-kollezzjoni vasta ta' mużika ta' kull ġenetu li rnexxieli niġbor, kif jixraq ;i jkollu każin tal-banda. Issa huwa ta' sodisfazzjon kbir għalija li nara dan it-teżor mużikali miġbur f'Arkivju li tassew jixraqlu. Il-ħolma tiegħi saret realta'.

Nixtieq nieħu din l-okkażjoni biex nirringrazzja lil kull min b'mod jew ieħor qed jgħin lis-Soċjeta tagħna. Fost dawn in-nies hemm membri parlamentari, kandidati politiċi, is-Sindku u l-Kunsill Lokali, il-WR Kappillan Kan. Vinċenz Cachia u l-Presidenti u l-membri onorarji.

Grazzi kbira lilsħabi tal-Kumitat, lis-Surmast u l-bandisti u lill-partitarji ferma attivi tagħna.

Nixtieq nagħlaq dan il-messaġġ tiegħi billi nifraħ lil sħabi Pawlisti kollha f'għelu il-mitt sena mit-twaqqif tal-Parroċċa tagħna u nawgura lil kulħadd il-Festa t-Tajba.

Viva Kristu Re. Viva l-Parroċċa tagħna ddedikata lilu.